Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Tliet snin u nofs ħabs wara li uża vjolenza fuq l-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 41 sena residenti Ħal Tarxien u li ismu mhux qed jixxandar biex tiġi protetta l-eks sieħba tiegħu, t-tfal u l-membri tal-familja ġie kundannat tliet snin u nofs ħabs wara li nstab ħati li uża vjolenza fil-konfront tal-vittma. Il-vjolenza kienet intużat minħabba li kien jitlobha flus għad-droga u li hu dejjem irrifjuta li jsegwi programm biex ifiq mill-vizzju tad-droga.

Is-sitwazzjoni tant kemm kienet skalat li l-mara minkejja li kienet taħdem kienet tispiċċa tiddejjen biex hi l-ħati u t-tliet uliedha jkollhom x’jieklu. Mill-provi prodotti quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia l-Qorti qalet li jirriżulta ċar li l-imputat kien juża’ vjolenza psikoloġika fil-konfront tal-vittma biex tagħtih il-flus sabiex ikun jista’ jixtri d-droga.

Hi kienet tobdih, għax jekk ma tagħmilx hekk jinfexx f’hafna theddid fil-konfront tagħha u ta’ uliedha, speċjalment fil-konfront tat-tifla, li kien johloq biża’ f’dawn il-persuni. Jirrizulta ċar mill-provi, li dan l-aġir kien ilu sejjer għal snin sħaħ.

Fl-ikkalibrar tal-piena, il-Qorti ikkonsidrat li l-fedina penali tal-imputat mhix wahda feliċi. Hu għandu 14-il kundanna mill-Qrati, li jinkludu diversi serq ikkwalifikat, ksur tal-liġijiet tas-sewqan, u kundanna għal ħsara volontarja u li bl-imġieba tieghu kkaġuna biża’ f’persuna li se tintuża vjolenza kontrieh.

Fid-deposizzjoni tagħha quddiem il-Qorti, l-mara spjegat kif l-imputat ilu għal dan l-aħħar 15-il sena bi problema kbira ta’ tossiko-dipendenza, u l-hin kollu jitlobha l-flus biex ikollu biex jixtri d-droga. Hi kienet tagħtih bejn €60 u €120 kuljum.

Jekk ma tagħtihx flus kien jgħdilha – ‘se tispiċċa bħal Bernice’

Meta ma tagħtihx dawn il-flus kien jibda’ t-theddid fil-konfront taghha, tat-tfal taghhom u anke tal-ġenituri tagħha. Huwa kien jheddidha anke li se jisparalha u li se tispicca bhal Bernice, b’riferenza ghall-mara li allegatament inqatlet minn żewġha f’ Novembru 2022. Allura hija kienet tagħtih il-flus biex iħalliha
kwietha.

L-unika introjtu tagħha huwa x-xogħol tagħha, u biex tagħtih il-flus ħieli kienet tispiċċa tiddejjen, għaliex lanqas ikollha flus biżżejjed biex tagħti x’jieklu lit-tliet itfal tagħhom. Hu kien jgħidilha biex tissellef il-flus mingħand oħtu, missierha u ġieli qalilha biex tgħid lit-tifla l-kbira tagħhom li għandha 20 sena u taħdem biex tagħtih il-flus

Huwa ingħata diversi opportunitajiet mill-Qrati, u ġie wkoll ikkundannat għal piena ta’ sentejn
prigunerija fil-passat. Il-vittma xehdet li l-imputat dejjem irrifjuta li jagħmel programm residenzjali sabiex
jegħleb il-vizzju tad-droga. Dan ġie konfermat mill-Uffiċjal tal-Probation Svetlana Bezzina f’dawn il-proċeduri, li kienet qed issegwieh fuq ordni temporanja ta’ superviżjoni.

Għalkemm kemm l-Uffiċjal tal-Probation iggwidatu sabiex jissottometti applikazzjoni quddiem il-Prison Addiction Rehabilitation Management Board, sabiex jiġi segwit fil-ħabs mill-Agenzija Caritas, l-imputat naqas li jagħmel dan.

Minn verifiki li għamlet l-Uffiċjal tal-Probation mal-Aġenzija Caritas, jirriżulta illi l-imputat ma kienx konsistenti fil-kuntatt mal-istess Aġenzija qabel beda jinżamm taħt arrest preventiv in konnessjoni ma’ dawn il-proċeduri.

Fin-nota ta’ sottomissjonijiet tagħha d-difiża tgħid illi “l-ħati lest li jibda programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.” Pero fir-rapport tagħha tat-18 t’Awwissu 2023, l-Uffiċjal tal-Probation qalet li fit-3 ta’ Lulju 2023 kellha laqgħa oħra mal-imputat u li tul din il-laqgħa “l-imputat deher persistenti fl-intenzjoni tiegħu li ma jsegwix programm residenzjali kontra l-vizzju tad-droga.

Mhux kapaċi jindirizza l-problema ta’ droga

Infatti, tenna bosta drabi li li jinsab konvint li mhux se jagħmel aktar użu mid-droga u li f’dan l-istadju m’għandux bzonn tal-istess programm. Min-naħa l-oħra, baqa’ jinsisti li fil-komunita lest iżomm kuntatt ma’ keyworker mill-Aġenzija Caritas. Minn verifikazzjoni li saret mal-Aġenzija Caritas jirriżulta li fil-ħabs, huwa żamm kuntatt mal-keyworker tiegħu.

Mill-provi miġbura, l-Qorti qalet li hija moralment konvinta li l-imputat m’hux kapaċi jindirizza l-problema akuta tat-tossikodipendenza tiegħu jekk dan ma jagħmlux f’ambjent konfinat tal-habs. Jekk l-imputat verament għandu r-rieda li jegħleb il-problema tad-droga li minnha huwa maħkum jista’ jindirizzaha minn ġewwa l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li joffru dan is-servizz.

Huwa magħruf ukoll li din l-Aġenzija toffri wkoll s-servizz ta’ psikologu, jekk l-imputat ikun interessat jagħmel użu minn dan is-servizz. Jeħtieg jekk verament l-imputat irid jindirizza il-vizzju tiegħu ta’ abbuż ta’ droga li bl-għajnuna tal-professjonisti li hemm ġewwa l-ħabs isir pjan ta’ kura bil-għan li l-istess imputat jista’ jikseb il-frott mixtieq minn kulħadd. qalet il-Qorti.

Il-Qorti qalet li ma tarax għaliex għandha timponi kundizzjoni li l-imputat jkun ordnat isegwi programm għaliex temmen li sabiex dan il-programm ikun suċċess din għandha tkun triq li jagħżel hu b’mod volontarju u determinat.

Ir-raġel instab ħati li bejn it-30 ta’ Novembru 2022 u 18 ta’ Marzu 2023 f’diversi ħinijiet uża vjolenza, inkluż vjolenza morali u, jew psikoloġika,u, jew sfurzar, sabiex iġieghel lil eks sieħba tiegħu, persuna li kienet f’relazzjoni miegħu u li ghandom trabi komuni, tagħmel, tħalli ssir, jew tonqos milli tagħmel, xi ħaħa, jew sabiex inaqqas l-abilitajiet tagħha jew jizolaha kif ukoll jillimita l-aċċess ghall-flus, edukazzjoni jew impjieg u dan bi ksur tal-liġi.

Hu nstab ħati wkoll li ġab biża li se tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-propjetà tagħha u dan
laħaq il-mira tieghu u dan bi ksur tal-Kodiċi Kriminali ta’ Malta. Ukoll li ġab ruħu b’mod li ta’ fastidju lill- vittma, kif ukoll li ġab ruhu b’mod li ta’ fastidju.

Il-fatti li taw lok għal dawn il-proċeduri huma li fit-18 ta’ Marzu 2023, għall-ħabta tas-6.00a.m. il-vittma kienet marret ġewwa d-dipartiment tal-vjolenza domestika tal-Pulizija biex tagħmel rapport fil-konfront tal-imputat.

Il-koppja kellhom relazzjoni bejniethom, u għandhom tliet itfal komuni, bl-etaijiet ta’ 20 sena, 12-il sena u 10 snin. Din ir-relazzjoni kienet ilha li spiċċat għal madwar ħames snin. Hi qalet lill-Pulizija li madwar tliet gimgħat qabel kienet ħarġet tiekol ma’ ħabib tagħha. L-imputat sar jaf f’dawk l-aħħar granet, u beda iċemplilha, jheddidha u jitlobha l-flus.

Recordings lill-Pulizija li jikkonfermaw it-theddid

Fis-siegħat bikrin tat-18 ta’ Marzu 2023, l-imputat kien mar quddiem il-bieb tad-dar tagħha, u ċemplilha l-qanpiena, pero hi ma fetħitlux, u minflok ċemplet lill-Pulizija, iżda sakemm waslu l-Pulizija l-imputat laħaq telaq.


Hi tat lill-Pulizija tliet recordings ta’ telefonati li skond hi saru mill-imputat lilha, fejn f’dawn ir-recordings jinstema’ theddid serju, anke bil-mewt. Hi qalet lill-Pulizija li l-aġir ta’ l-imputat, anke minħabba l-problema kbira ta’ droga li għandu qiegħed joħloq biża kbira lilha u lit-tfal tagħha.

Qalet li kienet għamlet it-tieni rapport fil-konfront tal-imputat fit-30 ta’ Novembru 2022 għaliex l-imputat kien ta’ kuljum iċemplilha biex ittih il-flus biex ikun jista’ jixtri d-droga, u jheddidha anke bil-mewt, u li se joħdilha t-tfal.

Fuq dawn iż-żewġ rapporti, l-imputat gie arrestat u ittieħdu proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu. Wara sottomissjonijiet tad-difiża fuq ir-recordings tal-vittma fil-konfront tal-akkużat ingħad li huwa vera li l-mobile tagħha ma ħiex ezebit f’dawn il-proħeduri, pero hi xehdet hekk ‘għandi recordings li jiena għamilthom fuq pendrive u għaddejthom lilek Spettur” u iktar tard qalet “ħafna telefonati li qegħdin għandek sSettur” – b’riferenza għall-Ispettur Omar Zammit.

L-ispettur Sherona Buhagiar xehdet li l-vittma “kienet ipprovdiet lill-Pulizija bi ftit mir-recordings tat-telefonati li kienu qiegħdin isiru” mill-imputat, u eżebiet ir-recordings, li fihom hemm partijiet minn tliet telefonati separati

F’dawn ir-recordings, apparti diversi theddid serju u insulti lejha, u jitlobha tagħtih il-flus u li jrid lit-tfal jgħixu miegħu, l-imputat jitkellem repetutament dwar il-fatt li marret tiekol ma’ ħabib tagħha, u jitkellem b’mod insulnti fil-konfront ta’ dan ir-raġel li hu qal li kien pulizija.

Dan jikkorroborra dak li qalet il-vittma kemm lil Pulizija kif ukoll kif xehdet f’dawn il-proċeduri, li fis-16 ta’ Marzu 2023, l-imputat sar jaf li hija xi tliet ġimghat qabel kienet marret tiekol ma’ ħabib tagħha, u beda
jċemplilha joffendiha u l-imġieba tiegħu dak il-lejl u fil-jumejn ta’ wara iddeġenerat ħafna, ghax waħħalha f’moħħu li hi kellha relazzjoni ma’ dan ir-raġel.

l-imputat f’dawn it-telefonati jaqbel perfettament ma’ dak li xehdet hu, u li xehdu ż-żewg Uffċjali Prosekuturi li t-tnejn xehdu li semgħu r-recordings. Kull recording għandu d-data tas-16 ta’ Marzu 2023 u hemm indikat il-ħin tat-telefonata u cioe 21.22hrs, 21.35.hrs u 21.47hrs.

It-tliet telefonati saru minn mobile ta’ ħabib tal-imputat, qalet il-vittma. Rigward il piena karċerarja ta’
tlett snin u nofs priġunerija, minnhom għandu jitnaqqas kull żmien li l-imputat għamel taht arrest preventiv in konnessjoni ma’ dawn il-proċeduri biss.

Il-Qorti ħarġet ukoll Ordni ta’ Trażżin għall-fini li tipprovdi għas-sigurtà tal-vittma għall-perjodu ta’ tliet
snin u li din l-Ordni gandha tiġi komunikata lill-Kummissarju tal-Pulizija. Għall-akkużat dehru l-Avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Omar Zammit u Sherona Buhagiar.