Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Tikber it-tensjoni bejn Miriam Dalli u Robert Abela

Tkompli tiħrax il-ġlieda bejn il-grupp tal-Ministru Miriam Dalli u l-klikka ta’ Kastilja – sitwazzjoni li kompliet sejra għall-agħar wara l-kriżi nazzjonali tal-qtugħ tad-dawl u l-kriżi tal-iskart li ħalliet diversi lokalitajiet f’diżastru sħiħ.

Fl-isfond ta’ dan kollu, l-Ministru responsabbli mill-Enerġija trid li l-Enemalta, l-ARMS u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma jkunux immexxija minn nies meqjusa bħala “ta’ Robert Abela”.

Dan id-diżgwid ħareġ fid-deher meta Miriam Dalli saret taf bil-pjan minn Kastilja biex Jonathan Cardona, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Korporazzjoni Enemalta jitkeċċa mill-irwol tiegħu. Iżda Dalli b’mod apert ċaħdet li Cardona kien se jitneħħa minn dan l-irwol, filwaqt li insistiet li għadu jirrapporta għax-xogħol b’mod normali.

Barra minn hekk, biex tkompli tisfida l-ordni ta’ Kastilja, Miriam Dalli insistiet li fil-fatt Jonathan Cardona hu parti importanti mill-fokus tal-Enemalta biex jissaħħaħ l-investiment fl-Enerġija, b’mod partikolari fejn tidħol id-distribuzzjoni tas-sistema tal-elettriku.

Apparti minn hekk, sorsi żvelaw li l-Ministru Miriam Dalli għandha fil-mira li tneħħi lill-President tal-Fergħa Nisa Laburisti Nikita Zammit Alamango mill-irwol tagħha bħala Chief Operating Officer tal-ARMS. Dan għaliex Zammit Alamango hija leali lejn Robert Abela.

U għal dan l-iskop, riċentament, sar interview ma’ persuna viċin Miriam Dalli sabiex tiddaħħal fl-ARMS bħala Chief Operating Officer ġdid bi dħul viċin is-€70,000 fis-sena. Dan meta fl-ARMS attwalment hemm xejn inqas minn erba’ Chief Operating Officers.

Is-sorsi tagħna qalulna li din il-persuna se tirrapporta għax-xogħol sabiex is-saħħa li għandha Nikita Zammit Alamango tibda titnaqqar.