Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Robert Abela jibqa’ ma jweġibx

Silenzju assolut minn Robert Abela – il-Mexxej tal-Labour li fl-aħħar ġimgħat b’mod sistematiku baqa’ jinħeba fil-bozza tal-midja propagandistika Laburista mingħajr ma jifrex passejh biex jesponi ruħu għad-domandi tal-ġurnalisti.

Għajr għal intervisti fuq ir-radju Laburista jew li jattendi għal avvenimenti mingħajr ma jistieden il-bqija tal-midja lokali…Robert Abela b’mod surreali qiegħed jaħrab milli jkellem lill-ġurnalisti.

Dan fid-dawl ta’ numru ta’ skandli li faqqgħu tul dawn l-aħħar ġimgħat fosthom l-allegazzjonijiet dwar il-Ministru Clyde Caruana, u l-varji domandi li ħarġu b’rabta mal-Kummissjoni tal-Films f’pajjiżna.

Kien hemm ukoll il-kriżi tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku, il-leaks li kellu mill-kabinett, il-pjaga tal-iskart u n-nuqqas ta’ infruzar f’pajjiżna u l-lista tkompli tiżdied mal-mhedda tal-jiem. Bl-aħħar waħda tkun l-implikazzjoni tal-uffiċċju tiegħu stess, u Ministru attwali fil-frodi tal-benefiċċji soċjali.

Għaldaqstant Net News bagħat numru ta’ domandi indirizzati lill-uffiċju ta’ Robert Abela permezz ta’ e-mail – mistoqsijiet li ma kellna risposta għal ebda waħda minnhom.

Bit-tweġiba tkun sempliċi sentenza fejn il-kelliem tal-Prim Ministru qalilna li se jkun hemm okkażjonijiet oħrajn fejn nistaqsu lil Robert Abela …fil-jiem li ġejjin.

Net News staqsa dwar il-leak storiku li seħħ għall-ewwel darba minn Kabinett tal-Ministri, saqsejna dwar il-maniġġi li qed isiru fl-Enemalta u dwar in-nuqqas ta’ infurzar relatat mal-iskart ….bl-unika soluzzjoni għal din l-aħħar kriżi tkun li l-familji Maltin u Għawdxin jixħtu l-iskart organiku fil-friża.

Madanakollu Robert Abela baqa’ ma weġibx.

Minflok il-Ħadd filgħodu Abela reġa’ mar fuq il-midja tal-Labour jissottometti ruħu għad-domandi tas-Super One – fejn quddiem mazz karti mifruxa quddiemu kompla bin-narrattiva partiġġjana tiegħu.

Surrealment iż-żieda fil-popolazzjoni ta’ Malta u ż-żieda fuq il-ħaddiema barranin xeħitha fuq il-privat fejn saħansitra spiċċa jattakka min segwa l-mudell ekonomiku imbuttat mil-Labour fl-aħħar snin.

Dan minkejja li kien Gvern Laburista nnifsu li ħambaq fuq dan il-mudell ekonomiku immexxi minn Robert Abela nnifsu kif ukoll il-Minsitru tal-Finanzi, Clyde Caruana – partikolarment waqt li kien imexxi l-Aġezija tal-JobsPlus.

Fl-istess waqt Abela ammetta li taħt it-tmexxija tiegu attwalment Identity Malta qiegħda tfalli u qed taċċetta ħaddiema barranin f’pajjiżna…bl-addoċċ.

Abela sostna li huwa kburi bis-servizz tas-saħħa medika f’pajjiżna fl-aħħar 10 snin; dan minkejja li l-Gvern tal-Labour daħal għal kuntratti frawdolenti ta’ €400 miljun fuq it-3 sptarijiet…bil-konsegwenza li l-piż kollu inxteħet fuq l-Isptar Mater Dei.

Dan minkejja li l-ħafna wegħdi …pajjiżna għadu qed jibki għal sptar ta’ standard għoli ta’ kura psikjatrika li joffri ambjent dinjituż għal pazjenti.

Mingħajr ma lissen kelma waħda dwar il-pjaga tal-iskart, is-saħħa mentali, it-traffiku, l-infurzar, l-iżdingar, l-għoli tal-ħajja, u d-diversi skandli li qed jaħkmu l-Gvern immexxi minnu.