Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

L-Ingilterra: Tfittxija intensiva għal suspettat terrorista li ħarab mill-ħabs…u x’aktarx mill-pajjiż

Il-Pulizija fl-Ingilterra tinsab fuq alert assolut wara li ħarab mill-ħabs priġunier akkużat dwar reati terroristiċi kif ukoll dwar attentati biex jiġbor l-informazzjoni sensittiva għall-interessi tal-Iran.

Il-priġunier, Daniel Khalife, hu eks-suldat li kmieni nhar l-Erbgħa rnexxielu jaħħrab mill-ħabs ta’ Wandsworth bħala parti minn pjan li x’aktarx kien ilu jitħejja għal xhur. Dan ukoll meta l-priġunier kien mistenni li jibda għaddej ġuri proprju f’Novembru.

L-awtoritajiet ma eskludewx li l-livell ta’ periklu għall-Britanniċi seta kien fuq livell sinifikanti f’dawn iċ-ċirkustanzi. Iżda s-sinjali, fl-aħħar sigħat, kienu li Khalife x’aktarx li rnexxielu jaħrab mill-Ingilterra f’qasir żmien wara li ħareġ mill-ħabs taħt ċirkustanzi misterjużi.

Il-Ministru Britanniku għall-Ġustizzja Alex Chalk, waqt diskors fil-House of Commons ta’ Londra, qal li għandha ssir investigazzjoni dwar ‘in-nuqqasijiet tas-sigurtà li x’aktarx ukoll ippermettew u għall-ħarba tas-suspettat terrorista.’ Minbarra dan il-ħarba ta’ Khalife se tkun anki suġġetta għal investigazzjoni oħra – din id-darba fuq livell indipendenti.

Is-servizzi sigrieti Britanniċi ma ħarġux dettalji li jissostanzjaw l-allegazzjonijiet li Khalife kien qed jaħdem kontra r-Renju Unit u bħala aġent għall-Iran. Is-sorsi uffiċjali, intant, qalu li Khalife kien akkużat dwar attentati biex jikseb data u informazzjoni ‘li kapaċi jkunu utli għal pajjiż għadu’ – bil-kelma ‘għadu’ f’dan il-kuntest qed jirreferi għall-Iran.

L-investigaturi u d-detektivs Britanniċi mgħandhomx dubju li Khalife kellu għajnuna ‘sostanzjali’ biex il-ħarba tirnexxi u li hu seta’ ħarab mir-Renju Unit permezz ta’ ferrovija jew bħala ‘passiġġier’ fuq dgħajsa li setgħet telqet mill-portijiet tal-pajjiż f’dawn is-sigħat.